22.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/8


Konklużjonijiet tal-Kunsill

tas-6 ta’ Novembru 2017

dwar l-Identifikatur Ewropew tal-Leġislazzjoni

(2017/C 441/05)

I.   INTRODUZZJONI

1.

L-Artikolu 67(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b’rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri.

2.

Spazju Ewropew ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih tista’ sseħħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja ma jirrikjedix biss għarfien tal-liġi Ewropea, iżda wkoll għarfien reċiproku tas-sistemi legali tal-Istati Membri l-oħra, inkluż il-leġislazzjoni nazzjonali.

II.   L-IDENTIFIKATUR EWROPEW TAL-LEĠISLAZZJONI

3.

L-Identifikatur Ewropew tal-Leġislazzjoni (ELI) għandu l-għan li jiffaċilita l-aċċess għal u l-kondiviżjoni u l-interkonnessjoni ta’ informazzjoni legali ppubblikata permezz ta’ sistemi ta’ informazzjoni legali fuq livell nazzjonali, Ewropew u globali.

4.

L-ELI jintuża biex tinħoloq sistema ta’ aċċess għal-leġislazzjoni li jkun aktar miftuħ, dirett u trasparenti għaċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjoni fil-livell tal-UE u lil hinn.

5.

L-użu tal-identifikatur u tal-metadata strutturata tal-ELI biex issir referenza għal-leġislazzjoni u biex din tiġi kklassifikata jiggarantixxi aċċess aktar faċli għall-informazzjoni legali u jiffaċilita l-iskambju u l-użu mill-ġdid tagħha. Bħala eżempju, l-ELI jintuża biex jissimplifika l-proċess li bih il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet fuq is-sit web tal-EUR-Lex.

6.

B’mod partikolari, is-sistema tal-ELI:

a)

tippromwovi l-interoperabbiltà bejn is-sistemi legali, biex b’hekk tiffaċilita l-kooperazzjoni b’rabta ma’ materji legali bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

b)

taġixxi bħala mutur li jixpruna t-trasparenza u l-aċċessibbiltà, filwaqt li ssaħħaħ il-leġittimità u s-sens ta’ responsabbiltà tal-Istati Membri li jużawha;

c)

tippermetti li l-utenti joħolqu l-identifikaturi uniformi tar-riżorsa (URIs) tal-ELI manwalment, filwaqt li tipprovdihom b’aċċess iktar rapidu u faċli għal-leġislazzjoni li jkunu qegħdin ifittxu;

d)

ittejjeb l-effiċjenza tat-tiftix fost il-leġislazzjoni f’sistemi legali differenti għaċ-ċittadini u l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja;

e)

ittejjeb l-effettività tal-flussi ta’ xogħol b’rabta mal-pubblikazzjoni legali, biex b’hekk twassal għal titjib fil-kwalità u l-affidabbiltà tal-leġislazzjoni kif ukoll għall-iffrankar tal-ispejjeż;

f)

tippermetti użu mill-ġdid intelliġenti ta’ data legali u toħloq opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ servizzi ġodda mis-settur privat, biex b’hekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali.

7.

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin.

III.   ĦTIĠIJIET

8.

Il-portali tal-Ġurnali Uffiċjali u l-Gazzetti Legali nazzjonali u Ewropej jipprovdu aċċess għal informazzjoni dwar il-leġislazzjoni u pubblikazzjonijiet uffiċjali oħra.

9.

L-għarfien dwar is-sustanza u l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea jista’ jinkiseb minn sorsi legali tal-UE u minn sorsi nazzjonali, b’mod partikolari mil-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta l-liġi tal-Unjoni Ewropea.

10.

Fid-dawl tal-kooperazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea kibret il-ħtieġa li l-informazzjoni legali li toriġina mill-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali tiġi identifikata u skambjata fil-livell Ewropew. Din il-ħtieġa tiġi ssodisfata parzjalment permezz tat-tqegħid tal-informazzjoni legali għad-dispożizzjoni b’mod diġitali u l-użu mifrux tal-Internet. Madanakollu, l-iskambju ta’ informazzjoni legali f’format elettroniku hu mxekkel mid-differenzi li jeżistu bejn is-sistemi legali nazzjonali differenti, kif ukoll id-differenzi fis-sistemi tekniċi li jintużaw biex il-leġislazzjoni tinħażen u tintwera fis-siti web nazzjonali. Dan ixekkel l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej, minkejja d-disponibbiltà ta’ aktar dokumenti f’format elettroniku.

11.

L-użu tal-Identifikatur Ewropew tal-Leġislazzjoni (ELI), abbażi tal-prinċipju tal-adozzjoni volontarja u gradwali, jgħin biex dawn il-problemi jingħelbu. Permezz tal-għażla li jintużaw identifikaturi uniċi, li tiġi assenjata metadata strutturata għal-leġislazzjoni nazzjonali fil-Ġurnali Uffiċjali u l-Gazzetti Legali u li l-metadata tiġi ppubblikata f’format li jista’ jerġa’ jintuża, l-Istati Membri jistgħu jippermettu tiftix u kondiviżjoni ta’ informazzjoni li jkunu effettivi, aktar rapidi u faċli għall-utent, kif ukoll mekkaniżmi ta’ tiftix effiċjenti għal-leġislaturi, l-imħallfin, l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u ċ-ċittadini.

IV.   SOLUZZJONIJIET

12.

Jenħtieġ li kull Stat Membru jkompli jopera l-Ġurnali Uffiċjali u l-Gazzetti Legali nazzjonali tiegħu kif jidhirlu li jkun xieraq.

13.

Madanakollu, sistema komuni għall-identifikazzjoni tal-leġislazzjoni u l-istrutturar tal-metadata assoċjata titqies bħala mezz utli biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ulterjuri tal-leġislazzjoni nazzjonali interkonnessa u biex tkun ta’ servizz għall-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u ċ-ċittadini meta jużaw dawn is-sistemi ta’ informazzjoni legali.

14.

L-ELI għandu jiggarantixxi aċċess pubbliku kosteffettiv għal leġislazzjoni affidabbli u aġġornata u hu soġġett għal introduzzjoni volontarja u gradwali. Għal dan il-għan:

a)

L-ELI joħloq identifikatur uniku għal-leġislazzjoni, li jista’ jinqara kemm mill-bnedmin kif ukoll mill-kompjuters, u li hu kompatibbli mal-istandards teknoloġiċi eżistenti (“l-ewwel pilastru tal-ELI”);

b)

L-ELI jipproponi ġabra ta’ elementi ta’ metadata li jiddeskrivu l-leġislazzjoni f’konformità ma’ ontoloġija ta’ referenza (“it-tieni pilastru tal-ELI”);

c)

L-ELI tippermetti skambju akbar u aktar rapidu ta’ data: meta din il-metadata tiġi inkorporata fil-paġni web rispettivi tal-Ġurnali Uffiċjali u l-Gazzetti Legali jew is-sistemi ta’ informazzjoni legali, l-informazzjoni tista’ tiġi skambjata b’mod awtomatiku u effiċjenti bis-saħħa tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-arkitettura emerġenti tal-web semantiku, li jippermetti li l-informazzjoni tiġi pproċessata direttament kemm mill-kompjuters kif ukoll mill-bnedmin (“it-tielet pilastru tal-ELI”).

15.

L-ELI jagħti lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea mezz flessibbli, konsistenti, uniku u li kapaċi jawtodokumenta ruħu biex issir referenza għal-leġislazzjoni f’sistemi legali differenti. L-URIs tal-ELI huma mezz stabbli ta’ identifikazzjoni unika ta’ kwalunkwe att leġislattiv fl-Unjoni Ewropea kollha, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet tas-sistemi legali nazzjonali (1).

16.

L-ELI ma jieħux biss kont tal-kumplessità u l-ispeċifiċità tas-sistemi leġislattivi reġjonali, nazzjonali u Ewropej, iżda wkoll tal-bidliet fir-riżorsi legali (eż. il-konsolidazzjonijiet, l-atti li tħassru, eċċ). Huwa tfassal biex jiffunzjona bla xkiel fuq il-bażi ta’ sistemi eżistenti bl-użu ta’ data strutturata u jista’ jkompli jiġi żviluppat minn kwalunkwe pubblikatur tal-leġislazzjoni nazzjonali fil-livell Ewropew u lil hinn, bir-ritmu tiegħu.

17.

Minbarra l-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati, l-Istati ta’ Lugano (2) u oħrajn huma mħeġġa jużaw is-sistema tal-ELI.

V.   SITWAZZJONI ATTWALI

18.

B’segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2012, ġew implimentati r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

a)

Is-sistema tal-ELI intużat f’għadd ta’ sistemi ta’ pubblikazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali (l-ewwel pilastru u/jew it-tieni pilastru u/jew it-tielet pilastru). Il-lista ta’ pubblikaturi tal-leġislazzjoni nazzjonali li qed jimplimentawha tinsab fir-reġistru tal-ELI: http://eurlex.europa.eu/eli;

b)

L-ELI ġie applikat għal-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tista’ tinstab f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-portal tal-EUR-Lex li jitħaddem mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

c)

L-ELI ġie integrat fil-portal tal-EUR-Lex mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mad-Deċiżjoni 2009/496/KE (3);

d)

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jospita u jieħu ħsieb reġistru fil-portal tal-EUR-Lex tiegħu ta’ koordinaturi nazzjonali tal-ELI, informazzjoni dwar il-format u l-użu tal-ELI fil-pajjiżi parteċipanti u dokumentazzjoni utli oħra.

VI.   KONKLUŻJONI

19.

Il-Kunsill jilqa’ l-inizjattiva ta’ għadd ta’ Stati Membri biex jimplimentaw l-ELI fuq bażi volontarja fil-livell nazzjonali.

20.

It-“Task Force tal-Identifikatur Ewropew tal-Leġislazzjoni” fil-qosor it-“TF tal-ELI”, hu l-entità li nħolqot mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġislazzjoni Elettronika tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-ELI u biex tiżgura li fil-futur dawn jevolvu u jinżammu f’qafas strutturat:

a)

It-TF tal-ELI tabbozza speċifikazzjonijiet, li flimkien jiffurmaw l-istandard tal-ELI, li huma aċċessibbli fuq is-sit tal-internet tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea:

http://publications.europa.eu/mdr/eli/;

b)

It-TF tal-ELI tiddefinixxi ġabra ta’ proċessi għat-tibdil u ż-żamma tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ELI li jipprevedu l-involviment tal-partijiet ikkonċernati tal-ELI li huma interessati, biex jiġi żgurat li l-evoluzzjonijiet huma retrokompatibbli biex jiġi ggarantit li l-implimentazzjonijiet eżistenti ma jiġux affettwati;

c)

It-TF tal-ELI tabbozza għadd ta’ gwidi tal-aħjar prattika u żviluppat għadd ta’ riżorsi, li huma aċċessibbli mir-reġistru tal-ELI:

http://eurlex.europa.eu/eli;

d)

It-TF tal-ELI għandha l-għan li tgħin lill-pubblikaturi tal-gvern tal-leġislazzjoni li jixtiequ jadottaw l-ELI permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-ħila esperta;

e)

It-TF tal-ELI hu magħmul mill-pajjiżi Ewropej li implimentaw l-ELI.

21.

Jenħtieġ li l-grupp ta’ esperti tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġislazzjoni Elettronika (Leġislazzjoni elettronika) dwar l-ELI javvanza din l-inizjattiva billi

a)

jippermetti li l-Istati Membri jwettqu skambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin dwar l-użu tal-ELI;

b)

jinforma lill-Istati Membri dwar il-ħidma tat-TF tal-ELI;

c)

jirrapporta lill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġislazzjoni Elettronika dwar it-tħassib u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri fid-dawl tal-ELI;

d)

jirrapporta dwar il-kontenut tal-laqgħat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġislazzjoni Elettronika.

22.

Il-Kunsill jinnota li kull pilastru tal-ELI (jiġifieri l-identifikaturi uniċi, l-ontoloġija u l-metadata) hu soġġett għal introduzzjoni volontarja, gradwali u fakultattiva.

23.

Dawn il-pilastri tal-ELI jistgħu jiġu implimentati indipendentement minn xulxin, iżda lkoll flimkien jagħtu l-benefiċċji sħaħ tal-ELI. Il-Kunsill jistieden lill-Istati Membri li jiddeċiedu li jintroduċu l-ELI fuq bażi volontarja:

a)

biex japplikaw l-ELI għal testi leġislattivi nazzjonali li jistgħu jinstabu fil-Ġurnali Uffiċjali, il-Gazzetti Legali jew is-sistemi ta’ informazzjoni legali operati mill-Istati Membri;

b)

bil-mod li jqisu li hu l-aktar fattibbli teknikament, meta t-testi leġislattivi nazzjonali jiġu ppubblikati fil-Ġurnali Uffiċjali u l-Gazzetti Legali nazzjonali jew meta jsiru disponibbli fis-sistemi ta’ informazzjoni legali tagħhom:

i.

biex jassenjaw identifikatur uniku għal kull test leġislattiv, ibbażat fuq mudell li juża wħud mill-komponenti jew il-komponenti kollha stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet;

ii.

biex jinkludu parti mill-metadata u l-ontoloġija kif stipulat fl-Anness taħt 3. Siti Referenzjali tal-ELI;

iii.

biex il-metadata tiġi organizzata f’serje fuq il-paġni web tal-Ġurnali Uffiċjali u l-Gazzetti Legali.

c)

biex jaħtru koordinatur nazzjonali tal-ELI;

d)

biex jikkondividu u jxerrdu informazzjoni dwar l-ELI;

e)

biex kull sena, fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill, jiddiskutu il-progress li jkun sar bl-introduzzjoni tal-ELI u l-metadata għal-leġislazzjoni nazzjonali.


(1)  L-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ECLI), li japplika fuq bażi volontarja, jipprovdi sistema Ewropea għall-identifikazzjoni tal-każistika. L-ELI jidentifika testi leġislattivi li għandhom karatteristiċi differenti u aktar kumplessi, u ż-żewġ sistemi huma komplementari. Il-Kunsill talab l-introduzzjoni tal-Identifikatur Ewropew tal-Każistika u ġabra minima ta’ metadata uniformi għall-każistika permezz ta’ konklużjonijiet (ĠU C 127, 29.4.2011, p. 1).

(2)  L-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

(3)  ĠU L 168, 30.6.2009, p. 41.


ANNESS

Elementi ewlenin ta’ informazzjoni u referenzi

1.   Dwar l-implimentazzjoni nazzjonali

1.1.   Il-koordinatur nazzjonali tal-ELI

1.

Kull pajjiż li juża l-ELI għandu jaħtar koordinatur nazzjonali uniku tal-ELI.

2.

Il-koordinatur nazzjonali tal-ELI għandu r-responsabbiltà li:

a)

jirrapporta dwar l-istatus ta’ implimentazzjoni tal-ELI;

b)

jikkondividi l-mudell(i) tal-URI applikabbli u jirrapporta dwarhom;

c)

jikkondividi l-metadata disponibbli u r-relazzjoni tagħha mal-iskema tal-metadata tal-ELI (fejn japplika) u jirrapporta dwarha;

d)

jipprovdi l-informazzjoni indikata hawn fuq lit-TF tal-ELI u lill-Grupp ta’ Esperti biex tiġi ppubblikata fuq is-sit web tar-Reġistru tal-ELI.

1.2.   Implimentazzjoni

1.

L-implimentazzjoni tal-ELI taqa’ taħt responsabbiltà nazzjonali.

2.

L-ELI jista’ b’mod fakultattiv jintuża wkoll fil-format ippubblikat tal-att leġislattiv stess, biex jiffaċilita r-referenza.

1.3.   L-ELI fl-UE

1.

Il-koordinatur tal-ELI għall-implimentazzjoni tal-ELI fil-livell tal-Unjoni Ewropea huwa l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

2.

Fejn xieraq, jenħtieġ li t-terminu “pajjiż” jew “Stat Membru” jinqara bħala “l-UE”.

2.   Elementi tal-ELI

L-elementi li ġejjin tal-ELI jindirizzaw dawn ir-rekwiżiti fuq bażi teknika (il-pilastri tal-ELI). Il-pilastri tal-ELI jistgħu jiġu implimentati indipendentement minn xulxin, iżda lkoll flimkien jagħtu l-benefiċċju sħiħ tal-ELI.

2.1.   Identifikazzjoni tal-leġislazzjoni – modi kif il-leġislazzjoni nazzjonali u dik Ewropea tiġi identifikata, tingħata isem u jsir aċċess għaliha (“l-ewwel pilastru”)

L-ELI juża “URIs tal-HTTP” biex jidentifika speċifikament l-informazzjoni legali kollha li tinsab online li tkun ġiet ippubblikata uffiċjalment fl-Ewropa. Dawn il-URIs huma deskritti formalment minn mudelli ta’ URI li jistgħu jinqraw minn magna (IETF RFC 6570), bl-użu ta’ komponenti li jinkludu semantika mill-perspettiva kemm legali kif ukoll tal-utent aħħari. Kull pajjiż ser jibni l-URIs awtodeskrittivi tiegħu waqt li jibbaża sa fejn possibbli fuq il-komponenti deskritti u filwaqt li jqis il-ħtiġijiet lingwistiċi speċifiċi tiegħu stess. Il-pajjiżi huma fil-libertà li jagħżlu u jirranġaw il-komponenti fil-mod li jkun l-aktar adattat għar-rekwiżiti tagħhom.

Il-komponenti huma definiti b’mod aktar sħiħ u disponibbli fuq is-siti tal-internet ċitati fil-punt 3 “Siti ta’ referenza tal-ELI”.

2.2.   Proprjetajiet li jiddeskrivu kull att leġislattiv (“it-tieni pilastru”)

Waqt li l-URI strutturat jista’ diġà jidentifika l-atti bl-użu ta’ ġabra ta’ komponenti definiti, l-attribuzzjoni ta’ metadata addizzjonali stabbilita fil-qafas ta’ sintassi kondiviża ser tipprovdi l-bażi għall-promozzjoni u t-tisħiħ tal-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-informazzjoni legali. Permezz tal-identifikazzjoni tal-metadata li tiddeskrivi l-karatteristiċi essenzjali ta’ riżorsa, il-pajjiżi ser ikunu jistgħu jerġgħu jużaw l-informazzjoni rilevanti pproċessata minn oħrajn għall-bżonnijiet tagħhom stess, mingħajr ma jkollhom jistabbilixxu sistemi ta’ informazzjoni addizzjonali.

Għalhekk, waqt li l-pajjiżi huma fil-libertà li jużaw l-iskema tal-metadata tagħhom stess, huma mħeġġa jsegwu u jużaw l-istandards ta’ metadata tal-ELI b’tabelli tal-awtoritajiet kondiviżi iżda li jistgħu jiġu estiżi, li jippermettu li jiġu ssodisfati rekwiżiti speċifiċi. L-iskema ta’ metadata tal-ELI hija maħsuba biex tintuża flimkien ma’ skemi ta’ metadata personalizzati.

Ontoloġija tirrappreżenta deskrizzjoni formali ta’ ġabra ta’ kunċetti u relazzjonijiet f’qasam partikolari. Id-deskrizzjoni tal-proprjetajiet tal-leġislazzjoni u r-relazzjonijiet bejn il-kunċetti differenti jippermetti intendiment kondiviż u jevita ambigwitajiet bejn it-termini. Billi hija speċifikazzjoni formali, l-ontoloġija tista’ tinqara mill-magni direttament.

Il-metadata tal-ELI hi formalizzata permezz tal-ontoloġija tal-ELI, abbażi tal-mudell stabbilit sew għal “Rekwiżiti funzjonali għal reġistri biblijografiċi”, (FRBR, http://archive.ifla.org/VII/s13/frbr/), allinjat ma’ inizjattivi attwali ta’ standardizzazzjoni oħra fil-qasam.

Iż-żamma tal-ontoloġija hija rregolata mit-TF tal-ELI.

2.3.   Disponibbiltà tal-metadata għall-iskambju tad-data (“it-tielet pilastru 3”)

Biex l-iskambju tad-data jsir aktar effiċjenti, l-elementi tal-metadata tal-ELI jistgħu jiġu organizzati f’serje f’konformità mar-rakkomandazzjoni tad-W3C, “RDFa in XHTML: Syntax and Processing” (RDFa). L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jżidu aktar formati għall-organizzazzjoni f’serje minbarra l-RDFa.

3.   Siti ta’ Referenza tal-ELI

Il-portal tal-EUR-Lex jospita r-reġistru tal-koordinaturi nazzjonali tal-ELI, informazzjoni dwar il-format u l-użu tal-ELI fl-Istati Membri parteċipanti u informazzjoni utli oħra:

http://eurlex.europa.eu/eli

Il-verżjoni ta’ referenza tal-ontoloġija tal-ELI tinżamm mit-Task Force tal-ELI. Din il-verżjoni, inklużi l-verżjonijiet kollha ppubblikati preċedentement u n-noti ta’ rilaxx tagħhom, huma liberament aċċessibbli fir-Reġistru tal-Metadata (MDR) ospitat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea:

http://publications.europa.eu/mdr/eli