EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007X1214(01)

Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

ĠU C 303, 14.12.2007, p. 17–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

14.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 303/17


SPJEGAZZJONIJIET  (1) DWAR IL-KARTA TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI

(2007/C 303/02)

Dawn l-ispjegazzjonijiet ġew imħejjija oriġinarjament taħt ir-responsabbiltà tal-Praesidium tal-Konvenzjoni li abbozza l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. Huma ġew aġġornati taħt ir-responsabbiltà tal-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea, fid-dawl ta' l-aġġustamenti li saru għat-test tal-Karta minn dik il-Konvenzjoni (partikolarment fl-Artikoli (51 U 52) u ta' l-evoluzzjoni fil-liġi ta' l-Unjoni. Għalkemm dawn l-ispjegazzjonijiet m'għandhomx fihom infushom l-istatus ta' liġi, huma mezz siewi ta' interpretazzjoni intiż sabiex ikunu ċċarati d-dispożizzjonijiet tal-Karta.

TITOLU I – DINJITÀ

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 1 – Dinjità tal-bniedem

Id-dinjità tal-bniedem mhix biss dritt fundamentali fiha nfisha iżda tikkostitwixxi l-bażi nnifisha tad-drittijiet fundamentali. Id-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-1948 naqqxet id-dinjità tal-bniedem fil-preambolu tagħha: “...billi r-rikonoxximent tad-dinjità inerenti u tad-drittijiet indaqs u inaljenabbli tal-membri kollha tal-familja umana hu l-pedament tal-libertà, tal-ġustizzja u tal-paċi fid-dinja.” Fis-sentenza tagħha tad-9 ta' Ottubru 2001, l-Olanda vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill, (C-377/98 ,Ġabra 2001, p. I-7079, punti 70 sa 77) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-dritt fundamentali għad-dinjità tal-bniedem hu parti mil-liġi ta' l-Unjoni.

B'dan jirriżulta, b'mod partikolari, li l-ebda wieħed mid-drittijiet stabbiliti f'din il-Karta ma jista' jintuża sabiex jagħmel ħsara lid-dinjità ta' persuna oħra, u li d-dinjità tal-bniedem hija parti mis-sustanza tad-drittijiet stabbiliti f'din il-Karta. Għaldaqstant għandha tiġi rrispettata, ukoll meta jkun hemm limitazzjoni ta' dritt.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 2 – Dritt għall-ħajja

1.

Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu hu bbażat fuq l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-Bniedem (KEDB), li jgħid hekk:

“1.   Id-dritt għall-ħajja ta' kulħadd għandu jiġi protett b'liġi...”.

2.

It-tieni sentenza ta' din id-dispożizzjoni, li tirreferi għall-piena tal-mewt, ġiet issuperata bid-dħul fis-seħħ ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru. 6 tal-KEDB, li jgħid hekk:

“Il-piena tal-mewt għandha tkun abolita. Ħadd ma għandu jiġi kkundannat għal dik il-piena jew titneħħilu ħajtu”.

L-Artikolu 2(2) tal-Karta hu bbażat fuq dik id-dispożizzjoni.

3.

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, tal-Karta jikkorrispondu għal dawk ta' l-Artikoli ta' hawn fuq tal-KEDB u tal-Protokoll tiegħu. Huma għandhom l-istess sens u l-istess ambitu skond l-Artikolu 52(3) tal-Karta. Għaldaqstant, id-definizzjonijiet “negattivi” li jidhru fil-KEDB għandhom jitqiesu wkoll bħala parti mill-Karta:

a)

l-Artikolu 2(2) tal-KEDB:

“Il-privazzjoni tal-ħajja ma għandhiex titqies bħala magħmula bi ksur ta' dan l-Artikolu meta tirriżulta mill-użu ta' forza li ma jkunx aktar minn dak li jkun assolutament meħtieġ:

a)

fid-difiża ta' xi persuna minn vjolenza illegali;

b)

sabiex jiġi effettwat arrest skond il-liġi jew tiġi evitata l-ħarba ta' xi persuna detenuta skond il-liġi;

ċ)

f'azzjoni meħuda skond il-liġi sabiex tiġi megħluba rewwixta jew insurrezzjoni.”

(b)

l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru. 6 tal-KEDB:

“Stat jista' jipprevedi fil-liġi tiegħu li jkun hemm il-piena mewt dwar dawk l-atti li jsiru fi żmien il-gwerra jew ta' theddida imminenti ta' gwerra; dik il-piena għandha tingħata biss fl-istanzi stipulati fil-liġi u skond id-dispożizzjonijiet relattivi…”.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 3 – Dritt għall-integrità tal-persuna

1.

Fis-sentenza tagħha tad-9 ta' Ottubru 2001, l-Olanda vs il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, (C-377/98, Ġabra p. I-7079, punti 70, 78, 79 u 80) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-dritt fundamentali għall-integrità tal-persuni hu parti mil-liġi ta' l-Unjoni u, fil-kuntest tal-mediċina u tal-bijoloġija, jinkludi l-kunsens liberu u infurmat ta' min jagħtih u min jirċevieh.

2.

Il-prinċipji ta' l-Artikolu 3 tal-Karta huma diġà inklużi fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina, adottata mill-Kunsill ta' l-Ewropa (ETS 164 u l-protokoll addizzjonali ETS 168). Il-Karta ma titbiegħedx minn dawk il-prinċipji, u għalhekk tipprojbixxi biss il-klonazzjoni riproduttiva. Hija la tawtorizza u lanqas tipprojbixxi forom oħra ta' klonazzjoni. Għalhekk ma timpedixxi bl-ebda mod lil-leġislatur milli jipprojbixxi l-forom l-oħra ta' klonazzjoni.

3.

Ir-referenza għal prattiċi ewġeniċi, partikolarment dawk li jimmiraw għas-selezzjoni tal-persuni, tirrigwarda sitwazzjonijiet fejn jiġu organizzati u implimentati programmi ta' selezzjoni, li jkunu jinvolvu, fost oħrajn, kampanji favur l-isterilizzazzjoni, it-tqala mġiegħla, iż-żwieġ etniku obbligatorju … atti li fl-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat f'Ruma fis-17 ta' Lulju 1998 (ara l-Artikolu 7(1)(g) tiegħu) huma kollha meqjusa bħala reati internazzjonali.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 4 – Projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew it-trattamenti inumani jew degradanti

Id-dritt fl-Artikolu 4 jikkorispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 3 tal-KEDB, li għandu l-istess kliem: “Ħadd m'għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.” Bis-saħħa ta' l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu għalhekk l-istess sens u l-istess ambitu bħall-Artikolu tal-KEDB.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 5 – Projbizzjoni ta' l-iskjavitù u tax-xogħol forzat

1.

Id-dritt fl-Artikolu 5(1) u (2) jikkorrispondi għall-Artikolu 4(1) u (2) tal-KEDB, li għandu l-istess kliem. Għalhekk għandu l-istess sens u l-istess ambitu bħal dan l-aħħar Artikolu skond l-Artikolu 52(3) tal-Karta. Konsegwentement:

l-ebda limitazzjoni ma tista' tolqot b'mod leġittimu d-dritt previst fil-paragrafu 1;

fil-paragrafu 2, “xogħol forzat jew obbligatorju” jrid jiftiehem fid-dawl tad-definizzjonijiet “negattivi” li jinsabu fl-Artikolu 4(3) tal-KEDB:

“Għall-fini ta' dan l-Artikolu l-frażi ‘xogħol forzat jew obbligatorju’ ma tinkludix:

a)

xogħol meħtieġ li jsir fil-kors ordinarju ta' detenzjoni imposta skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 ta' din il-Konvenzjoni jew waqt il-libertà kondizzjonata minn dik id-detenzjoni;

b)

servizz ta' karattru militari jew, f'każ ta' persuni oġġezzjonanti minħabba l-kuxjenza f'pajjiżi fejn huwa hekk rikonoxxut, servizz imġiegħel minflok servizz militari obbligatorju;

ċ)

servizz imġiegħel f'każ ta' emerġenza jew ta' kalamità li thedded il-ħajja jew il-ġid tal-komunità;

d)

xogħol jew servizz li jifforma parti mill-obbligi ċiviċi normali”.

2.

Il-paragrafu 3 jiġi direttament mid-dinjità tal-bniedem u jieħu kont ta' l-iżviluppi reċenti fil-kriminalità organizzata, bħall-organizzazzjoni ta' netwerks ta' immigrazzjoni illegali jew ta' sfruttament sesswali li jħallu l-qligħ. L-anness għall-Konvenzjoni ta' l-Europol għandu fih id-definizzjoni li ġejja li tirreferi għat-traffikar għall-iskop ta' sfruttament sesswali: “It-traffikar tal-bnedmin: li persuna tkun suġġetta għas-setgħa reali u illegali minn persuni oħra bl-użu ta' vjolenza jew minaċċi jew bl-abbuż ta' awtorità jew intrigi bl-iskop li jiġu esplojtati għall-prostituzzjoni, forom ta' esplojtazzjoni sesswali u attakki fuq minorenni jew il-kummerċ fi tfal abbandunati”. Il-Kapitolu VI tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, li ġie integrat fl-acquis ta' l-Unjoni, li fih jipparteċipaw ir-Renju Unit u l-Irlanda, għandu l-kliem li ġejjin fl-Artikolu 27(1) li jirreferi għal networks ta' immigrazzjoni illegali: “Il-Partijiet Kontraenti jobbligaw ruħhom li jimponu pieni approprjati fuq kwalunkwe persuna li, għal skopijiet ta' gwadann finanzjarju, tassisti jew tipprova tassisti klandestin biex jidħol jew jirresjedi fit-territorju ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti bi ksur tal-liġijiet ta' dik il-Parti Kontraenti dwar id-dħul u r-residenza ta' klandestini.” Fid-19 ta' Lulju 2002, il-Kunsill adotta deċiżjoni kwadru dwar il-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin (ĠU L 203, 1.8.2002, p. 1) li l-Artikolu 1 tagħha jagħti definizzjoni dettaljata tar-reati fir-rigward tat-traffikar ta' bnedmin għal finijiet ta' sfruttament tax-xogħol tagħhom jew sfruttament sesswali, li l-Istati Membri għandhom jippunixxu, bis-saħħa ta' dik id-deċiżjoni kwadru.

TITOLU II – LIBERTAJIET

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 6 – Dritt għal-libertà u għas-sigurtà

Id-drittijiet previsti fl-Artikolu 6 jikkorrispondu mad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 5 tal-KEDB, u, skond l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandhom l-istess sens u ambitu. Għaldaqstant, il-limitazzjonijiet li b'mod leġittimu jistgħu jiġu imposti fuqhom ma jistgħux jeċċedu dawk permessi mill-KEDB, fil-kliem ta' l-Artikolu 5:

“1.   Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi ipprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skond il-proċedura preskritta bil-liġi:

a)

id-detenzjoni skond il-liġi ta' persuna wara li tinsab ħatja minn qorti kompetenti;

b)

l-arrest jew id-detenzjoni skond il-liġi ta' persuna għal nuqqas ta' tħaris ta' ordni skond il-liġi ta' qorti jew sabiex jiġi żgurat it-twettiq ta' xi obbligu preskritt mil-liġi;

ċ)

l-arrest jew detenzjoni skond il-liġi ta' persuna effettwata sabiex tiġi miġjuba quddiem l-awtorità legali kompetenti fuq suspett raġonevoli li tkun ikommettiet reat jew meta jkun meqjus raġonevolment meħtieġ biex jiġi evitat li tikkommetti reat jew li taħrab wara li tkun għamlet reat;

d)

id-detenzjoni ta' minuri b'ordni skond il-liġi għall-iskop ta' sorveljanza edukattiva jew id-detenzjoni tiegħu skond il-liġi sabiex jiġi miġjub quddiem l-awtorità legali kompetenti;

e)

id-detenzjoni skond il-liġi ta' persuni biex jiġi evitat it-tixrid ta' mard infettiv, ta' persuni mhux f'sensihom, addetti għall-alkohol jew għad-drogi jew vagabondi;

f)

l-arrest jew id-detenzjoni skond il-liġi ta' persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew ta' persuna li kontra tagħha tkun qed issir kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni.

2.   Kull min ikun arrestat għandu jiġi nfurmat minnufih, f'lingwa li jifhem, dwar ir-raġunijiet ta' l-arrest tiegħu u dwar kull akkuża kontra tiegħu.

3.   Kull min ikun arrestat jew detenut skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) (ċ) ta' dan l-Artikolu għandu jinġieb minnufih quddiem imħallef jew funzjonarju ieħor awtorizzat b'liġi biex jeżerċita setgħa ġudizzjarja u jkollu dritt għal proċeduri fi żmien raġonevoli jew għal ħelsien waqt pendenza tal-proċeduri. Il-ħelsien jista' jkun taħt kundizzjoni ta' garanziji biex jidher għall-proċeduri.

4.   Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b'arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skond il-liġi.

5.   Kull min ikun vittma ta' arrest jew detenzjoni bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jkollu dritt esegwibbli għal kumpens.”

Id-drittijiet miktuba fl-Artikolu 6 għandhom jiġu rrispettati speċjalment meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw atti leġislattivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, abbażi ta' l-Artikoli 82, 83, u 85 tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari sabiex jiġu ddefiniti dispożizzjonijiet minimi komuni fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta' reati u pieni u ċerti aspetti tal-liġi proċedurali.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 7 – Rispett għall-ħajja privata u tal-familja

Id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB. Sabiex jittieħed kont ta' l-iżviluppi fit-teknoloġija l-kelma “korrispondenza” ġiet sostitwita b' “komunikazzjonijiet”.

Skond l-Artikolu 52(3), is-sens u l-ambitu ta' dan id-dritt huma l-istess bħal dawk ta' l-Artikolu korrispondenti tal-KEDB. Għaldaqstant, il-limitazzjonijiet li b'mod leġittimu jistgħu jiġu imposti fuq dan id-dritt huma l-istess bħal dawk permessi mill-Artikolu 8 tal-KEDB:

“1.   Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu, tal-familja tiegħu, ta' daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2.   Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta' dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f'soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta' ħaddieħor.”

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 8 – Protezzjoni tad-data personali

Dan l-Artikolu huwa bbażat fuq l-Artikolu 286 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u fuq id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31) kif ukoll fuq l-Artikolu 8 tal-KEDB u l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 dwar il-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali, li ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha. L-Artikolu 286 tat-Trattat KE huwa issa ssostitwit bl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 39 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Qed issir ukoll referenza għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1). Id-Direttiva u r-Regolament hawn fuq imsemmija fihom kondizzjonijiet u limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 9 – Dritt għaż-żwieġ u dritt għat-twaqqif ta' familja

Dan l-Artikolu hu bbażat fuq l-Artikolu 12 tal-KEDB, li jgħid hekk: “L-irġiel u n-nisa ta' età ta' żwieġ għandhom id-dritt li jiżżewġu u li jkollhom familja, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' dan id-dritt.” Il-mod kif inkiteb dan l-Artikolu ġie mmodernizzat sabiex ikunu koperti il-każijiet fejn il-leġislazzjoni nazzjonali tirrikonoxxi, apparti miż-żwieġ, arranġamenti oħrajn biex titwaqqaf familja. Dan l-Artikolu la jipprojbixxi u lanqas jimponi l-għoti ta' status ta' żwieġ lil unjonijiet bejn nies ta' l-istess sess. Dan id-dritt hu b'hekk simili għal dak mogħti mill-KEDB, iżda, fejn il-leġislazzjoni nazzjonali tkun tipprovdi b'dan il-mod, l-ambitu tiegħu jista' jkun aktar wiesa'.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 10 – Libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon

Id-dritt iggarantit fil-paragrafu 1 jikkorrispondi għad-dritt iggarantit fl-Artikolu 9 tal-KEDB u, skond l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu l-istess sens u ambitu. Il-limitazzjonijiet għandhom għalhekk jirrispettaw l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni, li jgħid hekk: “Il-libertà li wieħed juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu tkun suġġetta biss għal dawk il-limitazzjonijiet li jkunu preskritti b'liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà pubblika, għall-protezzjoni ta' l-ordni pubbliku, tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta' ħaddieħor.”

Id-dritt iggarantit fil-paragrafu 2 jikkorrispondi għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali u għall-iżvilupp tal-leġislazzjoni nazzjonali dwar dan il-punt.

Spjegazzjoni ta' l-Artikolu 11 – Libertà ta' l-espressjoni u ta' l-informazzjoni

1.

L-Artikolu 11 jikkorrispondi għall-Artikolu 10 tal-KEDB li jinqara kif ġej:

“1.   Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà li jkollu opinjoni u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u mingħajr ma jittieħed kont ta' fruntieri. Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi Stati milli jeħtieġu liċenzi għax-xandir, televiżjoni jew impriżi ċinematografiċi.

2.   L-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet, billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista' jkun suġġett għal dawk il-formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti b'liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, integrità territorjali jew sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta' ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta' informazzjoni riċevuta b'sigriet, jew biex tiġi miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura.”

Skond l-Artikolu 52(3) tal-Karta, is-sens u l-ambitu ta' dan id-dritt huma l-istess bħal dawk garantiti mill-KEDB. Il-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuqu, għalhekk, ma jistgħux jeċċedu dawk previsti fl-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe restrizzjoni li tista' tiġi imposta mil-liġi tal-kompetizzjoni ta' l-Unjoni fuq id-dritt ta' l-Istati Membri li jintroduċu l-arranġamenti dwar l-għoti ta' liċenzji imsemmija fit-tielet sentenza ta' l-Artikolu 10(1) tal-KEDB.

2.

Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jgħid b'mod ċar liema huma l-konsegwenzi ta' paragrafu 1 fir-rigward tal-libertà tax-xandir. Hu bbażat b'mod partikolari fuq il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-televiżjoni, b'mod partikolari fis-sentenza tagħha tal-25 ta' Lulju 1991, Stichting Collectieve Antennevoorziening Gouda u oħrajn (C-288/89, Ġabra p. I-4007), u fuq il-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri anness mat-Trattat KE u issa mat-Trattati, u fuq id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (ara partikolarment is-sbatax-il premessa tagħha).

Spjegazzjoni ta' l-Artikolu 12 – Libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni

1.

Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 11 tal-KEDB, li jgħid hekk:

“1.   Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni ma' oħrajn, inkluż id-dritt li wieħed jifforma u jidħol fi trade unions għall-protezzjoni ta' l-interessi tiegħu.

2.   Ma għandu jkun hemm ebda restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet ħlief dawk li jkunu preskritti b'liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' ħaddieħor. Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi l-imposizzjoni ta' restrizzjonijiet skond il-liġi fuq l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet minn membri tal-Forzi Armati, tal-Pulizija jew ta' l-amministrazzjoni ta' l-Istat”.

Is-sens tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu 12(1) hu l-istess bħal dak tal-KEDB, iżda l-ambitu tagħhom hu aktar wiesa' ladarba jistgħu japplikaw fil-livelli kollha inkluż il-livell Ewropew. Skond l-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-limitazzjonijiet fuq dak id-dritt ma jistgħux jeċċedu dawk li huma kkunsidrati leġittimi bis-saħħa ta' l-Artikolu 11(2) tal-KEDB.

2.

Dan id-dritt hu bbażat ukoll fuq l-Artikolu 11 tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema.

3.

Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Spjegazzjoni ta' l-Artikolu 13 – Libertà tà l-arti u x-xjenzi

Dan id-dritt hu deduċibbli primarjament mid-dritt għal-libertà tal-ħsieb u l-espressjoni. Huwa għandu jiġi eżerċitat b'rispett għall-Artikolu 1 u jista' jkun soġġett għal-limitazzjonijiet awtorizzati mill-Artikolu 10 tal-KEDB.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 14 – Dritt għall-edukazzjoni

1.

Dan l-Artikolu huwa ispirat kemm fuq it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri kif ukoll fuq l-Artikolu 2 tal-Protokoll tal-KEDB, li jgħid hekk:

“Ħadd ma għandu jiġi pprivat mid-dritt għall-edukazzjoni. Fl-eżerċizzju ta' kull funzjoni li jassumi dwar edukazzjoni u tagħlim, l-Istat għandu jirrispetta d-dritt tal-ġenituri li jiżguraw dik l-edukazzjoni u dak it-tagħlim in konformità mal-konvinzjonijiet tagħhom reliġjużi u filosofiċi”.

Kien meqjus utli li dan l-Artikolu jiġi estiż għall-aċċess għat-taħriġ professjonali u kontinwu (ara punt 15 tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema u l-Artikolu 10 tal-Karta Soċjali) u li jiżdied il-prinċipju ta' edukazzjoni obbligatorja bla ħlas. Kif qiegħed miktub, il-prinċipju ta' l-aħħar jimplika biss li fir-rigward ta' l-edukazzjoni obbligatorja, it-tfal kollha għandu jkollhom il-possibiltà li jattendu stabbiliment li joffri edukazzjoni bla ħlas. Ma jitlobx mill-istabbilimenti kollha partikolarment dawk privati, li jipprovdu edukazzjoni jew taħriġ professjonali u kontinwu bla ħlas. Lanqas ma jipprojbixxi li ċerti forom speċifiċi ta' edukazzjoni jkunu bil-ħlas, jekk l-Istat jieħu miżuri sabiex jagħti kumpens finanzjarju. Safejn il-Karta tapplika għall-Unjoni, dan ifisser li l-Unjoni, fil-politika ta' taħriġ tagħha, għandha tirrispetta l-edukazzjoni obbligatorja bla ħlas, iżda ma għandhiex tinftiehem li toħloq kompetenzi ġodda. Fir-rigward tad-dritt tal-ġenituri, dan għandu jiġi interpretat flimkien mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 24.

2.

Il-libertà li jitwaqqfu stabbilimenti ta' edukazzjoni, pubbliċi jew privati, hi ggarantita bħala waħda mill-aspetti tal-libertà ta' intrapriża iżda hi limitata mir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u tiġi eżerċitata skond l-arranġamenti definiti mil-leġislazzjoni nazzjonali.

Spjegazzjoni ta' l-Artikolu 15 – Libertà professjonali u dritt għax-xogħol

Il-libertà professjonali, kif dikjarata fl-Artikolu 15(1), hi rikonoxxuta fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, fost oħrajn, is-sentenza ta' l-14 ta' Mejju 1974, Nold (4/73, Ġabra 1974, p. 491, punti 12 sa 14); is-sentenza tat-13 ta' Diċembru 1979, Hauer (44/79, Ġabra 1979, p. 3727); is-sentenza tat-8 ta' Ottubru 1986, Keller (234/85, Ġabra 1986, p. 2897, punt 8).

Dan il-paragrafu huwa ispirat ukoll mill-Artikolu 1(2) tal-Karta Soċjali Ewropea, li ġiet iffirmata fit-18 ta' Ottubru 1961 u ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha, u mill-punt 4 tal-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tad-9 ta' Diċembru 1989. L-espressjoni “kondizzjonijiet tax-xogħol” għandha tiftiehem fis-sens ta' l-Artikolu 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

It-tieni paragrafu jittratta t-tliet libertajiet garantiti mill-Artikoli 26 u 45, 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta' l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

It-tielet paragrafu ġie bbażat fuq l-Artikolu 153(1)(g), tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u fuq l-Artikolu 19(4) tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata fit-18 ta' Ottubru 1961 u ratifikata mill-Istati Membri kollha. L-Artikolu 52(2), tal-Karta hu għalhekk applikabbli. Il-kwistjoni tar-reklutaġġ ta' baħħara li jkollhom in-nazzjonalità ta' Stati terzi għall-ekwipaġġ ta' bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru ta' l-Unjoni hija regolata mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 16 – Libertà ta' intrapriża

Dan l-Artikolu hu bbażat fuq il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, li rrikonoxxiet il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali (ara s-sentenzi ta' l-14 ta' Mejju 1974, Nold (4/73, Ġabra 1974, p. 491, punt 14) u tas-27 ta' Settembru 1979, SpA Eridiana u oħrajn (230-78, Ġabra 1979, p. 2749, punti 20 sa 31) u l-libertà ta' kuntrattazzjoni (ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tas-16 ta' Jannar 1979, Sukkerfabriken Nykøbing, (151/78, Ġabra 1979, p. 1, punt 19) u tal-5 ta' Ottubru 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-240/97, Ġabra 1999, p. I-6571, punt 99) u fuq l-Artikolu 119(1) u (3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, li jirrikonoxxi l-kompetizzjoni libera. Għandu jinftiehem li dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat b'rispett għall-liġi ta' l-Unjoni u tal-leġislazzjoni nazzjonali. Dan id-dritt jista' jkun soġġett għal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 17 – Dritt għall-proprjetà

Dan l-Artikolu hu bbażat fuq l-Artikolu 1 tal-Protokoll tal-KEDB:

“Kull persuna naturali jew persuna morali għandha dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mill-possedimenti tiegħu ħlief fl-interess pubbliku u bla ħsara tal-kundizzjonijiet provduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali.

Iżda d-dispożizzjonijiet ta' qabel ma għandhom b'ebda mod inaqqsu d-dritt ta' Stat li jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta' proprjetà skond l-interess ġenerali jew biex jiżgura l-ħlas ta' taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra jew pieni”.

Dan hu dritt fundamentali komuni għall-kostituzzjonijiet nazzjonali kollha. Huwa ġie rikonoxxut bosta drabi mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett fis-sentenza Hauer (13 ta' Diċembru 1979, Ġabra 1979, p. 3727). Il-kliem ġie aġġornat iżda, skond l-Artikolu 52(3), is-sens u l-ambitu tad-dritt huma l-istess bħal dawk tad-dritt garantit mill-KEDB u l-limitazzjonijiet ma jistgħux jeċċedu dawk previsti hemmhekk.

Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, li huwa aspett wieħed mid-dritt għall-proprjetà, hu msemmi espliċitament fil-paragrafu 2 minħabba li qed isir dejjem aktar importanti u fil-leġislazzjoni sekondarja tal-Komunità. Il-proprjetà intellettwali tkopri mhux biss il-proprjetà letterarja u artistika, iżda wkoll, inter alia, id-drittijiet ta' privattiva u trademarks u drittijiet simili. Il-garanziji stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw kif xieraq għall-proprjetà intellettwali.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 18 – Dritt għall-asil

It-test ta' dan l-Artikolu ġie bbażat fuq l-Artikolu 63 tat-Trattat KE, issa sostitwit bl-Artikolu 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, li jobbliga lill-Unjoni tirrispetta l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar ir-refuġjati. Wieħed għandu jagħmel riferenza għad-dispożizzjonijiet tal-Protokolli dwar ir-Renju Unit u l-Irlanda, annessi għat-Trattati, u dak dwar id-Danimarka, sabiex jiġi ddeterminat safejn dawn l-Istati Membri jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni f'dan il-qasam u safejn dan l-Artikolu jkun applikabbli għalihom. Dan l-Artikolu hu konformi mal-Protokoll dwar l-asil anness mat-Trattati.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 19 – Protezzjoni f'każ ta' tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni

Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu l-istess sens u ambitu bħall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru. 4 tal-KEDB dwar it-tkeċċija kollettiva. L-iskop tiegħu hu li jiggarantixxi li kull deċiżjoni tkun ibbażata fuq eżami speċifiku u li ma tkun tista' tittieħed ebda miżura biex jiġu mkeċċija ċ-ċittadini kollha li jkollhom in-nazzjonalità ta' Stat partikolari (ara wkoll l-Artikolu 13 tal-Patt dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi).

Il-paragrafu 2 jinkorpora l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward ta' l-Artikolu 3 tal-KEDB (ara s-sentenzi tas-17 ta' Diċembru 1996, Ahmed vs. L-Awstrija, Ġabra 1996, p. VI-2206 u tas-7 ta' Lulju 1989, Soering).

TITOLU III – UGWALJANZA

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 20 – Ugwaljanza f'għajnejn il-liġi

Dan l-Artikolu jikkorrispondi għall-prinċipju ġenerali tal-liġi li hu inkluż fil-kostituzzjonijiet Ewropej kollha u ġie wkoll rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju bażiku tal-liġi Komunitarja (is-sentenza tat-13 ta' Novembru 1984, Racke (283/83, Ġabra 1984, p. 3791), tas-17 ta' April 1979, EARL (15/95, Ġabra 1997, p. I-1961), u s-sentenza tat-13 ta' April 2000, Karlsson 292/97, Ġabra 2000, p. 2737).

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 21 – Non-diskriminazzjoni

Il-paragrafu 1 huwa ispirat mill-Artikolu 13 tat-Trattat KE, issa ssostitwit bl-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, mill-Artikolu 14 tal-KEDB u l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina fir-rigward tal-wirt ġenetiku. Safejn jikkorrispondi ma' l-Artikolu 14 tal-KEDB, japplika b'mod konformi miegħu.

Ma hemm ebda kontradizzjoni jew inkompatibbiltà bejn il-paragrafu 1 u l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonamwent ta' l-Unjoni Ewropea li għandu kamp ta' applikazzjoni u għan differenti: l-Artikolu 19 jagħti s-setgħa lill-Unjoni li tadotta atti leġislattivi, inkluża l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri, biex tiġġieled ċerti forom ta' diskriminazzjoni li huma elenkati b'mod eżawrjenti f'dak l-Artikolu. Tali leġislazzjoni tista' tkopri l-azzjoni ta' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri (kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn individwi privati) fi kwalunkwe qasam fil-limitu tal-kompetenzi ta' l-Unjoni. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjoni fl-Artikolu 21(1) ma toħloq ebda setgħa li jiġu adottati liġijiet ta' anti-diskriminazzjoni f'dawn l-oqsma ta' azzjoni mill-Istati Membri jew azzjoni privata, u lanqas ma tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali ta' diskriminazzjoni f'oqsma tant vasti bħal dawn. Fil-fatt, għandha x'taqsam biss mad-diskriminazzjoni mill-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni, meta jeżerċitaw il-kompetenzi mogħtija mit-Trattati, u mill-Istati Membri, biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni. Għalhekk, il-paragrafu 1 la jestendi l-medda tal-kompetenzi mogħtija taħt l-Artikolu 19 u lanqas l-interpretazzjoni ta' dak l-Artikolu.

Il-paragrafu 2 jikkorrispondi għall-Artikolu 18(1) tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u għandu jiġi applikat b'mod konformi ma' dak l-Artikolu.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 22 – Diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika

Dan l-Artikolu ġie bbażat fuq l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fuq l-Artikolu 151(1) u (4) tat-Trattat KE, issa sostitwit bl-Artikolu 167 (1) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, dwar il-kultura. Barra minn hekk, ir-rispett għad-diversità kulturali u lingwistika huwa issa stabbilit ukoll fl-Artikolu I-3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan l-Artikolu hu wkoll ispirat mid-Dikjarazzjoni Nru. 11 mehmuż ma' l-Att Finali tat-Trattat ta' Amsterdam dwar l-istatus tal-knejjes u ta' l-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, li issa jinsab fl-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 23 – Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

L-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu ġie bbażat fuq l-Artikoli 2 u 3(2) tat-Trattat KE, issa ssostitwiti bl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, li jimponu fuq l-Unjoni Ewropea l-objettiv li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Huwa ispirat mill-Artikolu 20 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta, tat-3 ta' Mejju 1996, u mill-punt 16 tal-Karta Komunitarja dwar id-drittijiet tal-ħaddiema.

Hu wkoll ibbażat fuq l-Artikolu 157(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u fuq l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ professjonali, il-promozzjoni, u l-kondizzjonijiet tax-xogħol.

It-tieni subparagrafu huwa ispirat, f'forma iqsar, mill-Artikolu 157(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jipprevedi li l-prinċipju ta' trattament ugwali ma għandux jipprevjeni ż-żamma jew l-adozzjoni ta' miżuri li jipprevedu għal vantaġgi speċifiċi sabiex ikun iktar faċli għas-sess l-inqas irrappreżentat li jwettaq attività professjonali jew sabiex jipprevjeni l-iżvantaġġi fil-karriera professjonali jew jikkumpensa għalihom. F'konformità ma' l-Artikolu 52 (2) it-tieni subparagrafu ma jemendax l-Artikolu 157(4).

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 24 – Drittijiet tat-tfal

L-Artikolu hu bbażat fuq il-Konvenzjoni ta' New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal, iffirmata fl-20 ta' Novembru 1989 u ratifikata mill-Istati Membri kollha, b'mod partikolari l-Artikoli 3, 9, 12 u 13 tagħha.

Il-paragrafu 3 jieħu kont tal-fatt li, bħala parti mill-istabbiliment ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, il-leġislazzjoni ta' l-Unjoni f'materji ċivili b'implikazzjonijiet transkonfini, li għaliha l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jagħtu l-kompetenzi meħtieġa, tista' tinkludi b'mod partikolari d-drittijiet għal żjajjar sabiex ikun żgurat li t-tfal jkunu jistgħu jżommu kuntatt personali u dirett maż-żewġ ġenituri tagħhom fuq bażi regolari.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 25 – Drittijiet ta' l-anzjani

Dan l-Artikolu huwa ispirat mill-Artikolu 23 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta u l-Artikoli 24 u 25 tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema. Għandu jinftiehem li l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u kulturali tkopri wkoll il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 26 – Integrazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà

Il-prinċipju stabbilit f'dan l-Artikolu hu bbażat fuq l-Artikolu 15 tal-Karta Soċjali Ewropea u huwa ispirat wkoll minn punt 26 tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema.

TITOLU IV – SOLIDARJETÀ

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 27 – Dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża

Dan l-Artikolu jidher fil-Karta Soċjali Ewropea riveduta (l-Artikolu 21) u fil-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet tal-Ħaddiema (il-punti 17 u 18). Huwa japplika skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet nazzjonali. Ir-referenza għal livelli xierqa tirrigwarda l-livelli stabbiliti mil-liġi ta' l-Unjoni jew mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali li jistgħu jinkludu l-livell Ewropew fejn il-leġislazzjoni ta' l-Unjoni tipprevedi hekk. F'dan il-qasam hu importanti l-acquis ta' l-Unjoni: l-Artikoli 154 u 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u d-Direttivi 2002/14/KE (kwadru ġenerali rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea), 98/59/KE (tkeċċija kollettiva mix-xogħol), 2001/23/KE (trasferimenti ta' impriżi) u 94/45/KE (kumitati ta' l-impriżi Ewropej).

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 28 – Dritt ta' negozjar u ta' azzjoni kollettiva

Dan l-Artikolu hu bbażat fuq l-Artikolu 6 tal-Karta Soċjali Ewropea u fuq il-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema (il-punti 12 sa 14). Id-dritt għal azzjoni kollettiva kien rikonoxxut mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala wieħed mill-elementi tad-drittijiet sindakali stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-KEDB. Fir-rigward tal-livelli approprjati li fihom ikunu jistgħu jsiru negozjati kollettivi, ara l-ispjegazzjoni għall-Artikolu preċedenti. Il-modalitajiet u l-limiti għall-eżerċizzju ta' azzjoni kollettiva, inkluża l-azzjoni ta' strajk, jaqgħu taħt il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, inkluża l-kwistjoni jekk dan jistax isir b'mod parallel f'diversi Stati Membri.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 29 – Dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' impjieg

Dan l-Artikolu hu bbażat fuq l-Artikolu 1(3) tal-Karta Soċjali Ewropea, u l-punt 13 tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 30 – Protezzjoni fil-każ ta' tkeċċija inġusta

Dan l-Artikolu huwa ispirat mill-Artikolu 24 tal-Karta Soċjali riveduta. Ara wkoll id-Direttiva 2001/23/KE dwar il-salvagwardja tad-drittijiet ta' l-impjegati fil-każ ta' trasferimenti ta' impriżi, u d-Direttiva 80/987/KEE dwar il-protezzjoni ta' l-impjegati f'każ ta' l-insolvenza ta' min iħaddimhom, kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE.

Spjegazzjoni ta' l-Artikolu 31 – Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa

1.

Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu hu bbażat fuq id-Direttiva 89/391/KEE dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jippromwovu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Huwa ispirat ukoll mill-Artikolu 3 tal-Karta Soċjali u mill-punt 19 tal-Karta Komunitarja dwar id-drittijiet tal-ħaddiema kif ukoll, f'dak li jirrigwarda d-dritt għad-dinjità fix-xogħol, mill-Artikolu 26 tal-Karta Soċjali riveduta. L-espressjoni “kondizzjonijiet tax-xogħol” għandha tiftiehem fis-sens ta' l-Artikolu 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

2.

Il-paragrafu 2 hu bbażat fuq id-Direttiva 93/104/KE dwar xi aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, l-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea u l-punt 8 tal-Karta Komunitarja dwar id-drittijiet tal-ħaddiema.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 32 – Projbizzjoni ta' impjieg ta' tfal u protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post taix-xogħol

Dan l-Artikolu huwa bbażat fuq id-Direttiva 94/33/KE dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol, fuq l-Artikolu 7 tal-Karta Soċjali Ewropea u fuq il-punti 20 sa 23 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 33 – Ħajja tal-familja u professjonali

L-Artikolu 33(1) huwa bbażat fuq l-Artikolu 16 tal-Karta Soċjali Ewropea.

It-tieni paragrafu huwa ispirat mid-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, u mid-Direttiva 96/34/KE dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta' ETUC. Huwa wkoll ibbażat fuq l-Artikolu 8 (dwar il-protezzjoni tal-maternità) tal-Karta Soċjali Ewropea u huwa ispirat mill-Artikolu 27 (dwar id-dritt tal-ħaddiema li għandhom responsabbiltajiet tal-familja għal opportunitajiet indaqs u trattament ugwali). Il-kelma “maternità” tkopri l-perijodu mill-konċepiment sal-ftim.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 34 – Sigurtà soċjali u assistenza soċjali

Il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 34(1) huwa bbażat fuq l-Artikoli 153 u 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u fuq l-Artikolu 12 tal-Karta Soċjali Ewropea u l-punt 10 tal-Karta Komunitarja dwar id-drittijiet tal-ħaddiema. L-Unjoni għandha tirrispettah meta teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha permezz ta' l-Artikoli 153 u 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Ir-referenza għas-servizzi soċjali tirrigwarda każijiet li fihom dawn is-servizzi ġew introdotti sabiex jiggarantixxu ċerti benefiċċji, iżda ma timplikax li dawn is-servizzi għandhom jinħolqu fejn dawn ma jeżistux. Il-kelma “maternità” għandha tinftiehem bl-istess tifsira li għandha fl-Artikolu preċedenti.

It-tieni paragrafu huwa bbażat fuq l-Artikoli 12(4) u 13(4) tal-Karta Soċjali Ewropea u fuq il-punt 2 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema u jirrifletti r-regoli li ġejjin mir-Regolament (KEE) Nru. 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru. 1612/68.

It-tielet paragrafu huwa ispirat mill-Artikolu 13 tal-Karta Soċjali Ewropea u mill-Artikoli 30 u 31 tal-Karta Soċjali riveduta u mill-punt 10 tal-Karta Komunitarja. Dan għandu jiġi rrispettat mill-Unjoni fil-kuntest ta' kull politika ibbażata fuq l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 35 – Protezzjoni tas-saħħa

Il-prinċipji stabbiliti f'dan l-Artikolu ġew ibbażati fuq l-Artikolu 152 tat-Trattat KE, issa sostitwit bl-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u fuq l-Artikoli 11 u 13 tal-Karta Soċjali Ewropea. It-tieni sentenza ta' l-Artikolu hija l-istess bħall-Artikolu 168(1).

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 36 – Aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

Dan l-Artikolu huwa kompletament konformi ma' l-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u ma joħloq l-ebda dritt ġdid. Hu sempliċiment jistabbilixxi l-prinċipju ta' rispett, mill-Unjoni għall-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, meta dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli mal-liġi ta' l-Unjoni.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 37 – Protezzjoni ta' l-ambjent

Il-prinċipji stabbiliti f'dan l-Artikolu ġew ibbażati fuq l-Artikoli 2, 6 u 174 tat-Trattat KE, li issa ġew sostitwiti bl-Artikolu I-3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 11 u 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan l-Artikolu huwa ispirat ukoll mid-dispożizzjonijiet ta' ċerti kostituzzjonijiet nazzjonali.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 38 – Protezzjoni tal-konsomaturi

Il-prinċipji stabbiliti f'dan l-Artikolu ġew ibbażati fuq l-Artikolu 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

TITOLU V – ĊITTADINANZA

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 39 – Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew

L-Artikolu 39 japplika għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati, skond l-Artikolu 52(2) tal-Karta. Fil-fatt l-Artikolu 39(1) jikkorrispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 20 (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (ara wkoll il-bażi ġuridika ta' l-Artikolu 22 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għall-adozzjoni ta' l-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju ta' dak id-dritt) u l-Artikolu 39(2) jikkorrispondi ma' l-Artikolu 14(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 39(2) itenni l-prinċipji bażiċi tas-sistema elettorali fi Stat demokratiku.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 40 – Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali

Dan l-Artikolu jikkorrispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 20(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (ara ukoll il-bażi ġuridika ta' l-Artikolu [III-126] tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għall-adozzjoni ta' l-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju ta' dak id-dritt). Skond l-Artikolu 52(2) tal-Karta, dan japplika skond il-kondizzjonijiet previsti f'dawn l-Artikoli tat-Trattati.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 41 – Dritt għal amministrazzjoni tajba

L-Artikolu 41 huwa bbażat fuq l-eżistenza ta' l-Unjoni bħala komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt li l-karatteristiċi tiegħu kienu ġew żviluppati fil-każistika li għamlet, b'mod partikolari, l-amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tal-liġi (ara, inter alia, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 1992, P Burban C-255/90, , Ġabra 1992, I-2253, u s-sentenzi tal-Qorti ta' Prim' Istanza tat-18 ta' Settembru 1995, Nölle (T-167/94, Ġabra 1995, p. II-2589) u tad-9 ta' Lulju 1999, New Europe Consulting (T-231/97, u oħrajn, Ġabra 1999, p. II-2403). It-test li jistabbilixxi dak id-dritt fl-ewwel żewġ paragrafi jirriżulta mill-każistika (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ottubru 1987, Heylens (222/86, Ġabra 1987, p. 4097, punt 15), tat-18 ta' Ottubru 1989, Orkem (374/87 Ġabra 1989, p. 3283) u tal-21 ta' Novembru 1991, TU München (C-269/90, Ġabra 1991, p. I-5469), u s-sentenzi tal-Qorti ta' Prim' Istanza tas-6 ta' Diċembru 1994, Lisrestal u oħrajn (T-450/93, Ġabra 1994, p. II-1177) u tat-18 ta' Settembru 1995, Nölle, fuq imsemmi), u t-test li jirrigwardja l-obbligu li jingħataw raġunijiet ġej mill-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (ara wkoll il-bażi ġuridika fl-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għall-adozzjoni ta' atti leġislattivi fl-interessi ta' amministrazzjoni Ewropea li hija miftuħa, effiċjenti u indipendenti).

Il-paragrafu 3 jirriproduċi d-dritt li issa huwa iggarantit bl-Artikolu 340 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Il-paragrafu 4 jirriproduċi d-dritt li issa huwa ggarantit bl-Artikoli 20(2)(d) u bl-Artikolu 25 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Skond l-Artikolu 52(2), dawk id-drittijiet għandhom japplikaw skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati.

Id-dritt għal rimedju effettiv, li huwa aspett importanti ta' din il-kwistjoni, huwa ggarantit fl-Artikolu 47 ta' din il-Karta.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 42 – Dritt ta' aċċess għad-dokumenti

Id-dritt iggarantit f'dan l-Artikolu ġie meħud mill-Artikolu 255 tat-Trattat KE, li fuq bażi tiegħu ġie sussegwentement adottat ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Il-Konvenzjoni Ewropea estendiet dan id-dritt għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, tal-korpi u ta' l-aġenziji b'mod ġenerali, tkun xi tkun il-forma li fiha jkunu saru, (ara l-Artikolu 15(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea). Skond l-Artikolu 52(2) tal-Karta, id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti huwa eżerċitat skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti li huma previsti fl-Artikoli 15(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 43 – Ombudsman Ewropew

Id-dritt li huwa ggarantit b'dan l-Artikolu huwa d-dritt iggarantit bl-Artikoli 20 u 228] tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Skond l-Artikolu 52(2), dan japplika skond il-kondizzjonijiet previsti f'dawn iż-żewġ Artikoli.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 44 – Dritt ta' petizzjoni

Id-dritt li huwa ggarantit b'dan l-Artikolu huwa d-dritt iggarantit bl-Artikoli 20 u227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Skond l-Artikolu 52(2), dan japplika skond il-kondizzjonijiet previsti f'dawn iż-żewġ Artikoli.

Spjegazzjoni ta' l-Artikolu 45 – Libertà ta' moviment u ta' residenza

Id-dritt iggarantit bil-paragrafu 1 huwa d-dritt iggarantit bl-Artikolu 20(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (ara wkoll il-bażi ġuridika fl-Artikolu 21; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Settembru 2002, Baumbast (C-413/99, Ġabra 2002, p. I-7091). Skond l-Artikolu 52(2), dawk id-drittijiet għandhom japplikaw skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fit-Trattati.

Il-paragrafu 2 jirriferi għall-kompetenza mogħtija lill-Unjoni permezz ta' l-Artikoli 77, 78 u 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, l-għoti ta' dan id-dritt jiddependi fuq l-eżerċizzju ta' din il-kompetenza mill-istituzzjonijiet.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 46 – Protezzjoni diplomatika u konsulari

Id-dritt li huwa ggarantit b'dan l-Artikolu huwa d-dritt iggarantit bl-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea; ara wkoll il-bażi ġuridika fl-Artikolu 23. Skond l-Artikolu 52(2), dan japplika skond il-kondizzjonijiet previsti f'dawn iż-żewġ Artikoli.

TITOLU VI – ĠUSTIZZJA

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali

L-ewwel paragrafu huwa bbażat fuq l-Artikolu 13 tal-KEDB:

“Kull min ikollu miksura d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu kontemplati f'din il-Konvenzjoni għandu jkollu rimedju effettiv quddiem awtorità nazzjonali għalkemm dak il-ksur ikun sar minn persuni li jkunu qed jaġixxu f'kariga uffiċjali”.

Madankollu, fil-liġi ta' l-Unjoni, il-protezzjoni hija aktar estiża billi tiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet dak id-dritt bħala prinċipju ġenerali tal-liġi ta' l-Unjoni fis-sentenza tagħha tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra 1986, p. 1651); (ara wkoll is-sentenzi tal-15 ta' Ottubru 1987, Heylens (222/86, Ġabra, p. 4097 u tat-3 ta' Diċembru 1992, Borelli vs Il-Kummissjoni (C-97/91, Ġabra 1992, p. I-6313). Skond il-Qorti, dak il-prinċipju ġenerali tal-liġi ta' l-Unjoni japplika wkoll għall-Istati Membri meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni. L-inklużjoni ta' din il-każistika fil-Karta ma kinetx intiża sabiex tbiddel is-sistema tar-reviżjoni ġudizzjarja prevista mit-Trattati, u partikolarment ir-regoli dwar l-ammissibbiltà ta' rikorsi magħmula direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Konvenzjoni Ewropea eżaminat is-sistema tar-reviżjoni ġudizzjarja ta' l-Unjoni, inklużi r-regoli dwar l-ammissibbiltà, u kkonfermatha waqt li emendatha fir-rigward ta' ċerti aspetti, kif ġie rifless fl-Artikoli 251 sa 281 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 263(4). L-Artikolu 47 japplika għall-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, u ta' l-Istati Membri meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni, u dan, fir-rigward tad-drittijiet kollha li huma ggarantiti mil-liġi ta' l-Unjoni.

It-tieni paragrafu jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB li jinqara kif ġej:

“Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta' l-obbligi tiegħu jew ta' xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf bil-liġi. Is-sentenza għandha tingħata pubblikament iżda l-istampa u l-pubbliku jistgħu jiġu esklużi mill-proċeduri kollha jew minn parti minnhom fl-interess tal-morali, ta' l-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali f'soċjetà demokratika, meta l-interessi tal-minuri jew il-protezzjoni tal-ħajja privata tal-partijiet hekk teħtieġ, jew safejn ikun rigorożament meħtieġ fil-fehma tal-qorti f'ċirkostanzi speċjali meta l-pubbliċità tista' tippreġudika l-interessi tal-ġustizzja”.

Fil-liġi ta' l-Unjoni, id-dritt għal tribunal mhuwiex limitat għal tilwim konness ma' drittijiet u obbligi ta' natura ċivili. Huwa wieħed mill-konsegwenzi tal-fatt li l-Unjoni hija komunità ibbażata fuq l-istat tad-dritt kif ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-23 ta' April 1986, “Les Verts” vs il-Parlament Ewropew (294/83, Ġabra 1986, p. 1339). Madankollu, fir-rigward ta' l-aspetti kollha barra dak ta' l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, il-garanziji mogħtija mill-KEDB japplikaw b'mod simili għall-Unjoni.

Fir-rigward tat-tielet paragrafu, ta' min jinnota li skond il-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandu jsir provvediment għal għajnuna legali fejn in-nuqqas ta' din l-għajnuna jagħmilha impossibbli li jiġi żgurat rimedju effettiv (Sentenza tal-QEDB tad-9.10.1979, Airey, Serje A, Volum 32, p. 11). Teżisti wkoll sistema ta' għajnuna legali għall-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 48 – Preżunzjoni ta' innoċenza u dritt għal difiża

L-Artikolu 48 huwa l-istess bħall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB, li jinqara kif ġej:

“2.   Kull min ikun akkużat b'reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skond il-liġi.

3.   Kull min ikun akkużat b'reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

a)

li jkun infurmat minnufih, b'lingwa li jifhem u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni ta' l-akkuża kontra tiegħu;

b)

li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu;

ċ)

li jiddefendi ruħu persunalment jew permezz ta' assistenza legali magħżula minnu stess jew, jekk ma jkollux mezzi biżżejjed li jħallas l-assistenza legali, din għandha tingħata lilu b'xejn meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk;

d)

li jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontra tiegħu u li jottjeni l-attendenza u l-eżami ta' xhieda favur tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tiegħu;

e)

li jkollu assistenza b'xejn ta' interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti”.

Skond l-Artikolu 52(3), dan id-dritt għandu l-istess sens u ambitu bħad-dritt garantit mill-KEDB.

Spjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 49 – Prinċipji ta' legalità u proporzjonalità ta' reati u ta' pieni

Dan l-Artikolu isegwi r-regola tradizzjonali tan-nonretroattività tal-liġijiet u tal-pieni. Miegħu żdiedet ir-regola tar-retroattività ta' liġi penali li tkun aktar klementi, li teżisti f'għadd ta' Stati Membri u li tinstab fl-Artikolu 15 tal-Patt dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi.

L-Artikolu 7 tal-KEDB jinqara kif ġej:

“1.   Hadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta' reat kriminali minħabba f'xi att jew ommissjoni li ma kienux jikkostitwixxu reat kriminali skond liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar.

2.   Dan l-Artikolu ma għandux jippreġudika l-proċeduri u l-applikazzjoni tal-piena ta' xi persuna għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta jkun sar, kien kriminali skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi rikonoxxuti min-nazzjonijiet ċivilizzati”.

Fil-paragrafu 2, ir-referenza għall-kelma “ċivilizzati” ġiet imħassra; dan ma jbiddel bl-ebda mod is-sens ta' dan il-paragrafu, li jirreferi partikolarment għar-reati kontra l-umanità. Skond l-Artikolu 52(3), id-dritt li huwa ggarantit hawnhekk għandu għalhekk l-istess sens u l-istess ambitu bħad-dritt iggarantit mill-KEDB.

Il-paragrafu 3 jtenni l-prinċipju ġenerali ta' proporzjonalità tar-reati u l-pieni, li huwa protett mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri u mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet.

Spjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 50 – Dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat

L-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru. 7 tal-KEDB jinqara kif ġej:

“1.   Ħadd ma jista' jkun ipproċessat jew jerġa' jiġi kkastigat għal darb'oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta' l- Istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta' dak l-Istat.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa' jinfetaħ skond il-liġi u l-proċedura penali ta' l-Istat in kwistjoni, jekk ikun hemm provi ta' xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta' qabel, li jista' jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

3.   Ebda deroga minn dan l-Artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni”.

Ir-regola “non bis in idem” tapplika fil-liġi ta' l-Unjoni (ara, fost il-ħafna preċedenti, is-sentenza tal-5 ta' Mejju 1966, Gutmann (Kawżi konġunti18/65 u 35/65, Ġabra 1966, p. 103) u għal każ reċenti, is-sentenza tal-Qorti ta' Prim' Istanza ta' l- 20 ta' April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij NV u oħrajn (Kawżi konġunti T-305/94 u oħrajn, Ġabra 1999, p. II-931). Ir-regola li tipprojbixxi l-kumulu tirriferi għall-kumulu ta' żewġ pieni ta' l-istess xorta, jiġifieri pieni kriminali.

Skond l-Artikolu 50, ir-regola “non bis in idem” tapplika mhux biss fil-ġurisdizzjoni ta' Stat wieħed izda wkoll bejn il-ġurisdizzjonijiet ta' diversi Stati Membri. Dan jikkorrispondi ma' l-acquis fil-liġi ta' l-Unjoni; ara l-Artikoli 54 sa 58 tal-Konvenzjoni ta' Schengen u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Frar 2003, Gözütok (C-187/01, Ġabra p. I-1345) , l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Interessi Finanzjarji tal-Komunità u l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-eċċezzjonijiet ferm limitati f'dawk il-Konvenzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mir-regola “non bis in idem” huma koperti mill-klawżola orizzontali fl-Artikolu 52(1) li tikkonċerna l-limitazzjonijiet. Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru. 7, jiġifieri l-applikazzjoni tal-prinċipju fl-istess Stat Membru, id-dritt li huwa ggarantit għandu l-istess sens u l-istess ambitu bħad-dritt korrispondenti fil-KEDB.

TITOLU VII – DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI LI JIRREGOLAW L-INTERPRETAZZJONI U L-APPLIKAZZJONI TAL-KARTA

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 51 – Kamp ta' applikazzjoni

L-iskop ta' l-Artikolu 51 huwa li jiddetermina l-istess kamp ta' applikazzjoni tal-Karta. Huwa intiż sabiex jistabbilixxi b'mod ċar li l-Karta tapplika primarjament għall-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. Din id-dispożizzjoni kienet abbozzata skond l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jobbliga lill-Unjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u skond il-mandat mogħti mill-Kunsill Ewropew ta' Kolonja. It-terminu “istituzzjonijiet” huwa rikonoxxut fit-Trattati. L-espressjoni “korpi u aġenziji” hija użata komunement fit-Trattati sabiex tirriferi għall-awtoritajiet kollha stabbiliti mit-Trattati jew mil-leġislazzjoni sekondarja (ara, per eżempju, l-Artikolu 15 jew 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea).

Fir-rigward ta' l-Istati Membri, joħroġ b'mod ċar mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali definit f'kuntest ta' l-Unjoni jorbot biss lill-Istati Membri meta dawn jaġixxu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni (is-sentenzi tat-13 ta' Lulju 1989, Wachauf (5/88, Ġabra 1989, p. 2609); tat-18 ta' Ġunju 1991, ERT (C-260/89), Ġabra 1991, p. I-2925) u tat-18 ta' Diċembru 1997, Annibaldi (C-309/96, Ġabrap. I-7493). Reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja ikkonfermat din il-każistika kif ġej: “Barra minn hekk, ta' min ifakkar li r-rekwiżiti li jemanaw mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-sistema legali Komunitarja jorbtu wkoll lill-Istati Membri meta dawn jimplimentaw ir-regoli tal-Komunità...” (sentenza tat-13 ta' April 2000, Karlsson u oħrajn (C-292/97, Ġabra 2000, p. I-2737, punt 37)). Mingħajr dubju, din ir-regola, kif asserita f'din il-Karta, tapplika għall-awtoritajiet ċentrali kif ukoll għall-korpi reġjonali u lokali, u għall-organizzazzjonijiet pubbliċi, meta dawn jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni.

Il-paragrafu 2, flimkien mat-tieni sentenza tal-paragrafu 1, jikkonfermaw li l-Karta ma jistax ikollha l-effett li testendi l-kompetenzi u l-kompiti mogħtija mit-Trattati lill-Unjoni. Hawnhekk qiegħed isir aċċenn espliċitu għall-konsegwenzi loġiċi tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u tal-fatt li l-Unjoni għandha biss dawk il-kompetenzi mogħtija lilha. Id-drittijiet fundamentali kif iggarantiti fl-Unjoni ma għandhom l-ebda effett ħlief fil-kuntest tal-kompetenzi ddeterminati mit-Trattati. Konsegwentement, l-obbligu, skond it-tieni sentenza tal-paragrafu 1, ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni li jippromwovu l-prinċipji stipulati fil-Karta, jista' jeżisti biss fil-limiti ta' dawn l-istess kompetenzi.

Il-paragrafu 2 jikkonferma wkoll li l-Karta ma jistax ikollha l-effett li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta' l-Unjoni kif stabbiliti fit-Trattati. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet din ir-regola fir-rigward tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti bħala parti mil-liġi ta' l-Unjoni (is-sentenza tas-17 ta' Frar 1998, Grant (C-249/96, Ġabra 1998, p. I-621, punt 45). Huwa għalhekk ovvju, skond din ir-regola, li r-referenza għall-Karta fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma tistax tiġi interpretata bħala li, bis-saħħa tagħha stess, testendi l-medda ta' l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri li huma kkunsidrati bħala l-“implimentazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni” (fis-sens tal-paragrafu 1 u tal-każistika imsemmija hawn fuq).

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 52 – Ambitu u interpretazzjoni tad-drittijiet u tal- prinċipji

L-Artikolu 52 huwa intiż sabiex jiffissa l-ambitu tad-drittijiet u l-prinċipji tal-Karta, u sabiex jistabbilixxi regoli għall-interpretazzjoni tagħhom. Il-paragrafu 1 jittratta l-arranġamenti għal-limitazzjonijiet ta' drittijiet. Il-formola użata hija bbażata fuq il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja: “... ġie sew stabbilit fil-każistika tal-Qorti li jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, partikolarment fil-kuntest ta' organizzazzjoni komuni tas-suq, bil-kondizzjoni li dawk ir-restrizzjonijiet jikkorrispondu fil-fatt għall-objettivi ta' interess ġenerali segwiti mill-Komunità u ma jikkostitwixxux, fir-rigward ta' l-għan segwit, indħil sproporzjonat u mhux raġonevoli li jipperikola n-natura proprja ta' dawk id-drittijiet”(sentenza tat-13 ta' April 2000, Karlsson u oħrajn (C-292/97, Ġabra p. 2737, punt 37)). Ir-referenza għall-interessi ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni tkopri kemm l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll interessi oħra protetti minn dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattati bħall-Artikoli 4(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 35(3), tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u l-artikoli 36 u 346 ta' dan it-Trattat.

Il-paragrafu 2 jirreferi għal drittijiet li kienu diġà ggarantiti espressament fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u li ġew rikonoxxuti fil-Karta, u li issa jinstabu fit-Trattati (notevolment id-drittijiet derivati miċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni). Huwa jagħmilha ċara li dawn id-drittijiet jibqgħu soġġetti għall-kondizzjonijiet u għal-limiti applikabbli għall-liġi ta' l-Unjoni li fuqu huma bbażati, u li huma previsti fit-Trattati. Il-Karta ma tbiddilx is-sistema tad-drittijiet mogħtija mit-Trattat KE u riprodotta fit-Trattati.

Il-paragrafu 3 huwa intiż sabiex jiżgura l-koerenza meħtieġa bejn il-Karta u l-KEDB billi jistabbilixxi r-regola li, safejn id-drittijiet stipulati f'din il-Karta jikkorrispondu wkoll għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-ambitu ta' dawk id-drittijiet, inklużi l-limitazzjonijiet awtorizzati, huma l-istess bħal dawk stabbiliti mill-KEDB. Dan ifisser partikolarment li l-leġislatur, meta qiegħed jistabbilixxi l-limitazzjonijiet għal dawk id-drittijiet, għandu jagħmel hekk b'konformità ma' l-istess standards iffissati bl-arranġamenti dettaljati tal-limitazzjonijiet previsti fil-KEDB, li huma b'hekk magħmula applikabbli għad-drittijiet koperti b'dan il-paragrafu, mingħajr ma dan jaffetwa b'mod negattiv l-awtonomija tal-liġi ta' l-Unjoni u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Ir-referenza għall-KEDB tkopri kemm il-Konvenzjoni kif ukoll il-Protokolli tagħha. It-tifsira u l-ambitu tad-drittijiet iggarantiti huma ddeterminati mhux biss mit-test ta' dawk l-istrumenti, iżda wkoll mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. L-aħħar sentenza tal-paragrafu ġiet imfassla sabiex tippermetti lill-Unjoni tiggarantixxi protezzjoni aktar estensiva. Fi kwalunkwe każ, il-livell ta' protezzjoni pprovdut mill-Karta qatt ma jista' jkun inqas minn dak li huwa ggarantit mill-KEDB.

Il-Karta ma tolqotx il-possibbiltajiet ta' l-Istati Membri li jirrikorru għall-Artikolu 15 tal-KEDB, li jippermetti derogi mid-drittijiet stipulati fil-KEDB f'każ ta' gwerra jew ta' perikli pubbliċi oħra li jheddu l-ħajja tan-nazzjon, meta jaġixxu fl-oqsma tad-difiża nazzjonali f'każ ta' gwerra u taż-żamma ta' l-ordni, skond ir-responsabbiltajiet tagħhom rikonoxxuti fl-Artikolu 4(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 72 u 347 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-lista tad-drittijiet li, f'dan l-istadju u mingħajr ma jiġi eżkluż ebda żvilupp fid-dritt, fil-leġislazzjoni u fit-Trattati, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala korrispondenti għad-drittijiet fil-KEDB fis-sens tal-paragrafu preżenti hija mogħtija hawn taħt. Ma tinkludix drittijiet addizzjonali għal dawk li hemm fil-KEDB.

1.

L-Artikoli tal-Karta fejn kemm is-sens kif ukoll l-ambitu huma l-istess bħal dawk fl-Artikoli korrispondenti tal-KEDB:

l-Artikolu 2 jikkorrispondi għall-Artikolu 2 tal-KEDB;

l-Artikolu 4 jikkorrispondi għall-Artikolu 3 tal-KEDB;

l-Artikolu 5(1) u (2) jikkorrispondi għall-Artikolu 4 tal-KEDB;

l-Artikolu 6 jikkorrispondi għall-Artikolu 5 tal-KEDB;

l-Artikolu 7 jikkorrispondi għall-Artikolu 8 tal-KEDB;

l-Artikolu 10(1) jikkorrispondi għall-Artikolu 9 tal-KEDB;

l-Artikolu 11 jikkorrispondi għall-Artikolu 10 tal-KEDB mingħajr preġudizzju għal xi restrizzjonijiet li l-liġi ta' l-Unjoni tista' jimponi fuq id-dritt ta' l-Istati Membri li jintroduċu l-arranġamenti ta' awtorizzazzjoni msemmija fit-tielet sentenza ta' l-Artikolu 10(1) tal-KEDB;

l-Artikolu 17 jikkorrispondi għall-Artikolu 1 tal-Protokoll tal-KEDB;

l-Artikolu 19(1) jikkorrispondi għall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru. 4;

l-Artikolu 19(2) jikkorrispondi għall-Artikolu 3 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

l-Artikolu 48 jikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB;

l-Artikolu 49(1) (bl-eċċezzjoni ta' l-aħħar sentenza) u (2) jikkorrispondi għall-Artikolu 7 tal-KEDB.

2.

L-Artikoli fejn is-sens huwa l-istess bħal dak fl-Artikoli korrispondenti tal-KEDB, iżda fejn l-ambitu huwa usa':

l-Artikolu 9 jkopri l-istess qasam bħall-Artikolu 12 tal-KEDB, iżda l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jista' jiġi estiż għal forom oħra ta' żwieġ jekk dawn huma stabbiliti permezz tal-liġi nazzjonali;

l-Artikolu 12(1) jikkorrispondi għall-Artikolu 11 tal-KEDB, iżda l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huwa estiż għal-livell ta' l-Unjoni Ewropea;

l-Artikolu 14(1) jikkorrispondi għall-Artikolu 2 tal-Protokoll tal-KEDB, iżda l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huwa estiż sabiex ikopri aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa;

l-Artikolu 14(3) jikkorrispondi għall-Artikolu 2 tal-Protokoll tal-KEDB fir-rigward tad-drittijiet tal-ġenituri;

l-Artikolu 47(2) u (3) jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB, iżda l-limitazzjoni għad-determinazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi ċivili jew għad-deċiżjoni dwar akkużi kriminali ma tapplikax fir-rigward tal-liġi ta' l-Unjoni u ta' l-implimentazzjoni tagħha;

l-Artikolu 50 jikkorrispondi għall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru. 7 tal-KEDB, iżda l-ambitu tiegħu huwa estiż għal-livell ta' l-Unjoni Ewropea bejn il-Qrati ta' l-Istati Membri;

Fl-aħħarnett, iċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala barranin fil-kamp tal-applikazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni, minħabba fil-projbizzjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni fuq bażi ta' nazzjonalità. Il-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 16 tal-KEDB fir-rigward tad-drittijiet tal-barranin għalhekk ma japplikawx għalihom f'dan il-kuntest.

Ir-regola interpretattiva li tinsab fil-paragrafu 4 hija bbażata fuq it-test ta' l-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tieħu l-kont dovut ta' l-approċċ lejn it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni li segwiet il-Qorti tal-Ġustizzja (per eżempju s-sentenzi tat-13 ta' Diċembru 1979, Hauer (44/79, Ġabra 1979, p. 3727) u tat-18 ta' Mejju 1982, AM&S (155/79, Ġabra 1982, p. 1575). Skond din ir-regola, minflok ma jiġi segwit approċċ riġidu ta' 'l-iżgħar denominatur komuni', wieħed għandu jinterpreta d-drittijiet konċernati fil-Karta b'mod li joffri livell għoli ta' protezzjoni, li huwa adegwat għal-liġi ta' l-Unjoni u f'armonija mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni.

Il-paragrafu 5 jiċċara d-distinzjoni bejn “drittijiet” u “prinċipji” stabbilita fil-Karta. Skond dik id-distinzjoni, id-drittijiet soġġettivi għandhom jiġu rrispettati, waqt li l-prinċipji għandhom jiġu osservati (Artikolu 51(1)). Il-prinċipji jistgħu jiġu implimentati permezz ta' atti leġislattivi jew eżekuttivi (adottati mill-Unjoni skond il-kompetenzi tagħha, u mill-Istati Membri biss meta huma jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni); għaldaqstant, huma jkollhom sinifikat partikolari għall-Qrati biss meta dawn l-atti jiġu interpretati jew riveduti. Madankollu huma ma jagħtux lok għal xi pretensjonijiet diretti għal azzjoni pożittiva mill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jew mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri. Dan huwa konsistenti kemm mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara notevolment il-każistika dwar il-“prinċipju ta' prekawzjoni” fl-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tal-11 ta' Settembru 2002 Pfizer (T-13/99, Ġabra p. II-3305) b'bosta referenzi għall-każistika preċedenti, u sensiela ta' sentenzi dwar l-Artikolu 33 (ex-39) dwar il-prinċipji tal-liġi agrikola: per eżempju s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Marzu 1987, Van den Berg (265/85, Ġabra 1987, p. 1155: l-eżami tal-prinċipju ta' l-istabbilizzazzjoni tas-suq u ta' aspettativi leġittimi) kif ukoll ma' l-approċċ meħud mis-sistemi kostituzzjonali ta' l-Istati Membri lejn “prinċipji”, b'mod partikolari fil-qasam tal-liġi soċjali. Bħala eżempju, wieħed jista' jsemmi, fost l-eżempji ta' prinċipji rikonoxxuti mill-Karta, l-Artikoli 25, 26 u 37. F'ċerti każijiet, Artikolu tal-Karta jista' jinkludi kemm l-element tal-liġi kif ukoll ta' prinċipju: p.e. l-Artikoli 23, 33 u 34.

Il-paragrafu 6 jirriferi għal diversi Artikoli fil-Karta li, fl-ispirtu tas-sussidjarjetà, jagħmlu referenza għal-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 53 – Livell ta' Protezzjoni

Din id-dispożizzjoni hija intiża li tippreserva dak il-livell ta' protezzjoni li huwa preżentement mogħti, fil-kamp ta' applikazzjoni rispettiva tagħhom, mil-liġi ta' l-Unjoni, mil-liġi ta' l-Istati Membri u mil-liġi internazzjonali. Qiegħed isir aċċenn għall-KEDB, minħabba l-importanza tagħha.

Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 54 – Projbizzjoni ta' abbuż tad-dritt

Dan l-Artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 17 tal-KEDB:

“Ebda ħaġa li hemm f'din il-Konvenzjoni ma għandha tiġi interpretata li xi Stat, grupp jew persuna għandha xi dritt li tidħol f'xi attività jew tagħmel xi att maħsub biex jeqred xi wieħed mid-drittijiet u mil-libertajiet kontemplati f'din il-Konvenzjoni jew biex tillimitahom aktar minn dak provdut fil-Konvenzjoni.”


(1)  Nota editorjali: ir-referenzi għan-numru ta' l-Artikoli tat-Trattat ġew aġġornati u ġew ikkoreġuti wkoll xi żbalji ovvji.


Top